Manutenzjoni u titjib tat-toroq u l-bankini
Il-Kunsill jagħmel xogħolijiet infrastrutturali bħalma huma l-manutenzjoni jew titjib fuq toroq u bankini diġà eżistenti. Il-manutenzjoni tinkludi l-kisi jew asfaltar iżda ma tinkludix rikostruzzjoni kemm ta' bankini kif ukoll tat-toroq. Bankini u toroq ġodda (dawk li qatt ma jkunu saru) kif ukoll toroq, sqaqien jew mogħdiji privati ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill. Il-Kunsill ukoll jieħu ħsieb il-manutenzjoni jew it-titjib tat-toroq u trejqiet li jinsabu fil-kampanja.


Stallazzjoni u manteniment tad-dwal tat-toroq
Il-Kunsill jieħu ħsieb li jinstalla bozoz ġodda fit-toroq taz-zoni urbani u rurali tal-lokalità dejjem bl-approvazzjoni tal-Korporazzjoni Enemalta. Il-Kunsill jieħu ħsieb ukoll it-tiswija u l-manteniment tal-bozoz eżistenti.

F'każ ta' bozoz mitfija u/jew maqtugħa wieħed għandu jirrapporta l-Kunsill fuq 21466000 billi jikkwota t-triq u n-numru tal-bozza. (Kull bozza għandha magħha pjanċa żgħira bin-numru tagħha).


Twaħħil ta' sinjali tat-traffiku
Il-Kunsill iwaħħal sinjali tat-traffiku u jagħmel żebgħa ta' marki tat-toroq skond livelli nazzjonali u internazzjonali. Dawn is-sinjali u marki iridu jkunu ġew approvati mid-Direttorat għall-Immaniġġjar tat-Traffiku qabel ma jiġu mwaħħla jew miżbugħa jew tittieħed xi tip ta' azzjoni fuqhom.


Għoti ta' ismijiet ġodda tat-toroq

Il-Kunsill jieħu sehem sħiħ f'kull deċiżjoni dwar l-għoti jew l-għoti mill-ġdid ta' ismijiet lit-toroq tal-lokalità. Kull proposta li jagħmel il-Kunsill tgħaddi lill-Kumitat għall-Ismijiet tat-Toroq fi ħdan il-Ministeru ta' l-Intern. L-ismijiet tat-toroq imbagħad jiġu magħmula pubbliċi fuq il-Gazzetta tal-Gvern.


Twaħħil ta' Ismijiet tat-Toroq
Il-Kunsill huwa responsabbli għat-twaħħil ta' plakek għall-ismijiet tat-toroq.